Is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikkreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji fi stqarrija qal kif huwa infurmat li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat diġà kkonsulta ma’ mijiet ta’ għaqdiet volontarji reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Settur tal-Volontarjat dwar il-liġi li tirregola lil dan il-qasam.
Dan b’referenza għal numru ta’ stejjer ippubblikati fl-aħħar sigħat fejn fi stqarrija kkjarifika li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat huwa rikonoxxut bħala l-uniku organu li b’mod leġittimu jirrappreżenta s-settur tal-volontarjat.
Spjega kif il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat se jkompli jilqa’ s-suġġerimenti u proposti mis-settur sad-9 ta’ April fejn ħeġġeġ lis-settur sabiex jagħti l-kontribut tiegħu.
Kif jagħlaq dan il-proċess, il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat jippreżenta l-proposti tiegħu lis-Segretarju Parlamentari u minn hemm jippjana t-triq ’il quddiem għal dan is-settur sabiex ikompli jikber l-operat u l-ġid li qed jitwettaq f’ambjent ta’ kontabbiltà u trasparenza.
Is-Segretarjat Parlamentari tenna li huwa kommess li, kif għamel fl-aħħar snin, jibqa’ jkun ta’ spalla għas-settur permezz ta’ għajnuna bla preċedent.