Il-Kunsill Lokali tal-Qala, b’maġġoranza Laburista se jappella mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li approva l-permess ta’ żvilupp ta’ villa fl-inħawi tal-Muxi fil-Qala.
Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg saħaq li dan l-iżvilupp mhux f’loku għax jinsab f’żona barra mil-limit tal-iżvilupp.
“Illum ġejna hawn ilkoll bħala Kunsill biex nuru l-għadab tagħna għal din l-applikazzjoni fejn nemmnu bi sħiħ li se tirrovina l-ambjent. Applikazzjonijiet bħal dawn meta ngħaqadna kollha bħala Kunsill irnexxielna negħlbuhom għall-ġid tal-Qala.”
L-iżvilupp propost irid ibiddel wieħed u tletin metru kwadru ta’ kamra rurali f’villa f’nofs il-kampanja tal-Qala.
Intant fi stqarrija l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qalet li fil-prinċipju dan l-iżvilupp huwa inaċċettabli.
Qalet li l-approvazzjoni ta’ permessi bħal dawn jiftħu preċedent għal żviluppi futuri f’żona sensitiva bħal din.
L-ERA spjegat li l-binja eżistenti tikkumplimenta mal-karattarestiċi taż-żona rurali mal-kosta u għalhekk ma għandhiex tinbidel fi żvilupp ġdid.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi saħqet li l-oġġezzjonijiet tagħha ġew sostanzjati permezz tal-vot kontra l-applikazzjoni miċ-Chairman, il-Professur Victor Axiak.