Is-Sindku tal-Mosta Chris Grech sostna li s-siġar tat-tip Ficus li hemm mar-Rotunda tal-Mosta se jibqgħu f’post u mhux se jinqalgħu biex jitħawlu f’post ieħor fil-Mosta stess.
Qal li dan qed jagħmlu wara li l-Kunsill Lokali tal-Mosta sema’ lin-nies u s-siġar li hemm se jkunu inkorporati fil-proġett ta’ tisbiħ li qed isir fil-pjazza flok jitħawlu oħrajn differenti.
Ilbieraħ filgħaxija Il-Prim Ministru Robert Abela appella biex il-Kunsill Lokali tal-Mosta, li ħa deċiżjoni unanima dwar it-12-il siġra għandu jikkomunika aħjar mal-pubbliku u jerġa’ jisma’ lin-nies.
“Jekk hemm bżonn, wieħed jirrikunsidra d-deċiżjoni”, spjega l-Prim Ministru hu u jaċċenna li l-widnejn għandhom jibqgħu miftuħa għall-opinjoni tal-pubbliku.
Dr Abela saħaq li ma għandux dubju mir-rieda tajba tal-membri fil-Kunsill Lokali tal-Mosta.