Waqt il-laqgħa Eżekuttiva li seħħet fil 15 ta’ Settembru 2016, is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché ippropona mozzjoni issekondata mill-Viċi Sindku Ralph Mangion ġiet approvata unanimament mill-Kunsill, biex Manoel Island terġa’ tifforma parti mill-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gżira b’effett immedjat.
Din il-mozzjoni ġiet ippreżentata lill-Ministru Owen Bonnici kif ukoll lid-Direttur tal-Gvern Lokali, biex jiġi emendat l-Att 363 tal-Ligijiet ta’ Malta.
Fi stqarrija l-Kunsill qal li l-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gżira ġiet limitata sa wara l-pont ta’ Manoel Island.
B’hekk seħħet anomalija, tgħid l-istqarrija, għax art li teċċedi 299,467 metri kwadri, 28 metru biss ’il-bogħod mill-Gżira b’aċċessi u zoni pubbliċi ma taqax taħt ir-responsabiltà u l-governanza ta’ Kunsill Lokali.
Dan hu kuntrarju għal Tigné li jifforma parti minn tas-Sliema u li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.