Il-Kunsill Lokali tal-Floriana kkundanna l-kummenti ta’ Kristina Chetcuti li issa insulentat lill-Furjaniżi.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana ġibed l-attenzjoni ta’ Chetcuti li fuq kull naħa ta’ dak li fl-artiklu tirreferi għalih bħala: “nothing but 400m strip” b’referenza għal Triq Sant’Anna, wieħed isib binjiet residenzjali li fihom jgħixu bnedmin bħal f’kull belt, raħal, jew villaġġ ieħor f’Malta.
Fakkar li hemm ukoll uffiċini li joffru servizzi lill-komunità u l-kwartieri ta’ istituzzjonijiet kemm ċivili kif ukoll reliġjużi, ġonna u spazji pubbliċi, veduti spettakolari ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir, kif ukoll binijiet storiċi u l-akbar konċentrazzjoni ta’ monumenti pubbliċi f’pajjiżna.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana saħaq li hu se jibqa’ magħqud favur kull proġett li hu mmirat li jtejjeb il-ħajja tar-residenti mingħajr interess personali jew partiġġjan.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana żied jgħid li dan il-messaġġ qed jgħaddih għax jemmen fi Floriana aħjar iżda wkoll għall-konvenjenza tal-pubbliku ġenerali, inkluż dawk li sal-lum iħarsu lejn il-Floriana bħala lokalità li ma teżistiex.
Dan għaliex, dan huwa ta’ benefiċċju kemm għall-residenti u anke l-pubbliku inġenerali.
Filwaqt li awgura li trasformazzjoni pożittiva fil-Floriana sservi għal ħafna bħala spazju rikreattiv u ta’ serħan il-moħħ f’pajjiżna, il-Kunsill Lokali tal-Floriana fakkar li dan l-ambjent diġà jeżisti fi 11-il ġnien li nsibu madwar din il-lokalità.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/25/kristina-chetcuti-tinsulenta-lill-furjana/