L-Eċċelenza Tiegħu s-Sur Rajesh Vaishnaw, Kummissarju Għoli tal-Indja għal Malta għamel żjara uffiċjali fil-Fgura fejn ġie milqugħ mis-Sindku tal-Lokalità, is Sur Pierre Dalli.
Din iż-żjara seħħet b’kommemorazzjoni tal-150 anniversarju mit-twelid ta’ Mahatma Gandhi u li fil-Fgura tinsab l-unika triq f’Malta msemmija għal dan il-bniedem li ħadem ħafna għall-Indipendenza tal-Indja u li tul ħajtu dejjem ipprattika l-paċi.
Tul din iż-żjara, iż-żewġ partijiet iddiskutew numru ta’ inizjattivi kulturali, edukattivi u ambjentali li għandhon ikunu ta’ benefiċċju għal-lokalità tal-Fgura.
Il-Kummissarju Għoli tal-Indja għal Malta kellu l-okkażjoni wkoll jiltaqa’ ma’ żewġ studenti ta’ dixxendenza Indjana li jattendu l-iskola primarja tal-Fgura u li għal dawn l-aħħar xhur qed jgħixu fil-Fgura.
L-Eċċelenza Tiegħu s-Sur Rajesh Vaishnaw kellu wkoll l-okkażjoni jżur flimkien mas-Sindku u rappreżentanza tal-Kunsill it-triq li hija msemmija għal Mahatma Gandhi fejn hemmhekk saru xi preżentazzjonijiet tal-okkażjoni.
Għal din iż-żjara, s-Sindku tal-Fgura kien akkumpanjat mis-Sur Clayton Portelli Cascun, Viċi Sindku b’ responsabbilita’ għall-indafa, mill-Kunsillier Charles Bonello li huwa responsabbli mill Ambjent, Kultura u Wirt Storiku u s-Sinjura Beverly Saliba, Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Fgura