Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid reġà għal darba oħra oġġezzjona applikazzjoni għall-bini ta’ krematorju fl-istess lokalità fil-limiti taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, propjament fid-dħul minn wara ta’ dan iċ-ċimiterju.
Fil-laqgħa ta’ nhar il-Ħamis li għadda, il-Kunsill ta’ Raħal Ġdid, immexxi mis-Sindku Jason Silvio, iddikjaraw li l-Kunsill se jesiġi li d-deċiżjoni finali dwar dan il-proġett m’għandhiex tkun ibbażata fuq Outline Application, iżda ssir Full Application, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-istudji meħtieġa li, fost l-oħrajn, jinkludu Enivronmental Impact Assessment.
Iżjed minn hekk, il-Kunsill qies li l-bini ta’ krematorju f’dan is-sit mar kontra diversi policies tal-Awtorità tal-Ippjanar stess li hemm fuq is-sit propost, fosthom l-iStrategic Open Gap li fiha diversi livelli ta’ protezzjoni, inkluż il-fatt li s-sit huwa parti mill-Bird & Wild Rabbit Protection Zone.