Fi stqarrija li nħarġet ftit tal-mumenti, il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, b’vot unanimu, qabel li filwaqt li jirringrazzja lill-Moviment Graffitti għall-istedina, iddeċieda li f’dan l-istadju ma jieħux sehem fil-protesta dwar il-proġett Villa Rosa. Il-Kunsill ħa din il-pożizzjoni fuq il-fatt li l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-tibdil propost għadu fi stadju bikri, għalkemm il-Kunsill diġà wera r-riservi tiegħu.
Il-Kunsill qal li jifhem li l-Awtorità tal-Ippjanar qed timxi skont il-proċeduri stipulati bil-liġi, u se jkunu qegħdin jipparteċipaw fihom b’mod attiv, fejn anke se jingaġġaw persuna jew persuni tekniċi biex jipprovdu konsulenza speċjalizzata. Bħala Kunsill qalu li se jissottomettu l-pożizzjoni tagħhom bl-aktar mod effettiv, bil-għan li jiddefendu l-aħjar interessi tar-residenti.
Semmew kif huma kienu urew t-tħassib tagħhom fl-2018 meta l-iżviluppatur kien ingħata l-permess li diġà għandu f’idejh, fejn se jibqa’ jsegwi mill-qrib din il-kwistjoni u jassigura li, b’mod professjonali, ikun il-vuċi soda tal-lokalità u tar-residenti.