Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke ġie rikonoxxut għall-governanza t-tajba.
Dan permezz ta’ premju li jingħata wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni mat-tnax-il prinċipju.
Dawn it-tnax-il prinċipju ta’ governanza tajba jirrelataw ma’ kif ikunu qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet u kemm il-kunsill isegwi l-liġijiet fost oħrajn.
Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili qal li hu kburi li l-prattiċi tal-Kunsill ġew rikonoxxuti u saħaq kif il-ħsieb dejjem kien li r-residenti jkunu involuti fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Huwa qal, “Aħna min-naħa tagħna nħeġġu lill-Kunsilli Lokali oħrajn f’pajjiżna biex ikomplu jsegwu l-proċess sabiex jkunu akkreditati b’dan il-mod għaliex ovvjament xi ħaġa bħal din tkompli ttella’ l-valur ukoll tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna.”
Id-Direttur għall-Qasam tal-Gvern Lokali, Natalino Attard stqarr il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke kien l-ewwel kunsill li ngħata dan il-premju wara li l-qasam tal-gvern lokali ngħata s-setgħa mill-Kunsill tal-Ewropa li jagħti dan il-premju.
Is-Sur Attard stqarr: “Irrid ngħid li kien hemm żewġ lokalitajiet oħra n-Naxxar u Ħal Qormi li ħadu dan il-premju imma ma’ ħaduhx taħt l-akkredazzjoni ta’ Malta, jiġifieri taħt l-akkredazzjoni li għandna aħna, din hija l-ewwel lokalità li se jkunu qegħdin jieħdu dan il-premju.”
Fil-Mużew tal-Arkeoloġija, fejn ingħata l-premju, il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera stqarr li l-Kunsill Lokali għandu jkun viċin il-ħtiġijiet tan-nies.
Il-Ministru Herrera sostna: “Huwa importanti li aħna bħala stat Malti nagħtu rikonoxximent lil gvern lokali tagħna li huwa parti mill-governanza tal-pajjiż illum għaliex il-gvern lokali huwa wkoll inserit fil-kostizzjoni ta’ pajjiżna u wasal iż-żmien li nagħtuhom rikonoxximent li jistħoqqilhom tax-xogħol li huma jwettqu.”