Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qabel b’mod unanimu li jirrifjuta talba mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali sabiex jinqatlu ħamiem fil-lokalità.
Is-Sindku Rosianne Cutajar qalet li “dan huwa Kunsill b’kuxejnza, li jieħu deċiżjonijiet li jagħmlu unur lil Beltna”.
Bosta irreaġixxew permezz ta’ mezzi soċjali. Fost il kummenti, kien hemm dan:
“Grazzi lil Kunsill ta’ Ħal Qormi għal din id-deċiżjoni. Dan huwa eżempju li kunsilli oħra għandom jimxu fuqu. L-ewwel m’għandu jsir distinzjoni bejn il-ħamiem salvaġġ u l-ħamiem tat-tiġrija. Il-ħaiem tat-tiġrija, barra li huwa fl-obbligu li jiġi mlaqqam kull sena, jiżamm f’kundizjonijiet mill-aqwa biex ikun preparat għat-tiġrijiet li jinvovlu flus kbar. Il-hamiem huwa tajra intelliġenti ħafna li hu kapaċi li jtellaq min distanzi kbar, minn Sqallija u l-Italja, u jirritorna lura fil-loft tiegħu. Żgur mhux forsi hemm metodi oħra li jistgħu jintużaw biex ħamiem salvaġġ ma jibqax ikattar.”
Oħrajn qalu hekk: “Naf li l-ħamiem huwa problema kullimkien, għaliex tqum filgħodu u ssib il-karozza litteralment maħsula bil-ħmieg tagħhom, xejn ma jħallilek paċenzja…biss jeħtieg li titqajjem kuxjenza ta’ kif għandna nagħmlu biex lil din it-tajra ma nħalluhix aktar tbejjed u tittajjar fil-lokalitajiet tagħna.”
Kunsillier ieħor, Bjorn Azzopardi, kiteb: “Li jġorr il-mard hu fatt u kontra qalbi, jekk għas-saħħa tal-bniedem ikun hemm bżonn jinqatel, mela jkollu jsir hekk…pero’ madwar il-mejda tal-Kunsill ma kont se naċċetta qatt li naċċettaw li Ħal Qormi inġibuh qisu s-Sirja fejn nies armati jiġru fit-toroq u jisparaw fuq kull ħamiema li tiġi. Nemmen li jeżistu metodi aktar professjonali u fl-istess ħin aktar dinjitużi, kemm għall-annimal u anke’ għar-residenti.”