Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem l-Erbgħa filgħodu fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook wera sodisfazzjoni li se jinfetaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għar-reviżjoni parzjali tal-pjanijiet lokali tal-2006 sabiex l-art magħrufa bħala ‘Ta’ Passi’, fejn isir il-villaġġ animat ta’ Bethlehem f’Għajnsielem ,sabiex din tinbidel f’żona rikreattiva li tkun tista’ tintuża s-sena kollha.
Dan b’reazzjoni għall-istqarrija għall-istampa maħruġa mill-awtorità tal-ippjanar it-Tlieta li kienet tgħid li l-qiegħda tipproponi reviżjoni parzjali tal-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna tal-2006 li tindirizza speċifikament iż-żona f’Għajnsielem fejn jiġi organizzat il-presepju ħaj Bethlehem f’Għajnsielem. Din qed tipproponi l-użu ta’ art rikreattiva formali fil-miftuħ bi strutturi anċillari fejn il-policy proposta speċifika għas-sit għandha tinkludi kriterji li jiżguraw li s-sit jibqa’ jintuża biss għar-rikreazzjoni formali b’attività kummerċjali minima u kwalunkwe struttura anċillari għandha tibqa’ żgħira fejn id-disinn u l-post tagħhom ma joħolqux impatti inaċċettabbli.
Il-Kunsill Lokali kiteb li kien ilu snin twal jitlob għal dan it-tibdil u għalhekk xtaq jirringrazzja lill-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar li skatta formalment dan il-proċess.