Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa qed jinsisti li l-l-Freeport Terminals għandu jħallas il-planning gain ta’ €955,000. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Awtorità tal-Ippjanar u t-terminal qiegħed jappellaha.
Dan għax il-kumpanija qed tgħid li din is-somma mhix planning gain iżda multa li m’għandiex tkun mitluba tħallas. Il-planning gain kien marbut ma’ permess għall-installazzjoni ta’ krejnijiet ġodda u l-Freeport qed jgħid li dawn inaqqsu l-impatt ambjentali speċjalment minħabba r-rekwiżiti ġodda fid-dawl u l-ħoss.
Iżda, is-Sindku ta’ Birżebbuġa wieġeb għal dan l-appell u qal li “l-impatt ambjentali li qed tiffaċja l-komunità ta’ Birżebbuġa huwa wieħed akkumulat matul is-snin.” Għalkemm intqal ukoll li minn xhieda u dokumenti li se jippreżenta l-Kunsill Lokali hem provi li t-tniġġiż akustiku mhux talli ma naqasx iżda żdied.
Filwaqt li saret referenza għal diversi liġijiet u l-politika tal-istess awtorità l-Kunsill ta’ Birżebbuġa argumenta li l-awtorità għandha l-poter li timponi din il-planning gain. Għalhekk il-Kunsill talab lit-tribunal tal-appelli biex jikkonferma l-kundizzjoni imposta f’Diċembru tas-sena li għaddiet u l-Freeport iħallas il-kważi miljun ewro lin-nies ta’ Birżebbuġa.