Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli laqa’ l-konklużjonijiet pożittivi tar-rapport investigattiv tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li kkonferma li ma kien hemm l-ebda irregolarità jew ħażen mill-uffiċjali tal-kunsill lokali fl-iżvilupp u l-operat taċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni ta’ Ħad Dingli u proġetti oħra marbuta miegħu.
Ir-rapport, li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn filgħaxija, iddikjara bl-akar mod ċar li “din l-investigazzjoni ma sabet jew irċeviet l-ebda xhieda li tikkonferma allegazzjonijiet ta’ frodi, korruzzjoni, użu ta’ informazzjoni minn ġewwa jew kunflitt ta’ interess minn xi uffiċjali jew entitajiet involuti fil-proċessi meħtieġa biex jiġi stabbilit iċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni ta’ Ħad Dingli.” L-investigazzjoni xejnet l-allegazzjonijiet li saru minn individwi li ppruvaw iħammġu dan l-iżvilupp importanti, investiment li għal dawn l-aħħar snin offra lill-pubbliku opportunità uniku sabiex jiskopri, jgawdi u japprezza l-wirt naturali, kulturali u arkeoloġiku mill-isbaħ ta’ din il-lokalità.
Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali caħad ukoll l-allegazzjonijiet ta’ użu ħażin ta’ fondi tal-Gvern jew tal-Unjoni Ewropea fl-iżvilupp tad-Dingli Heritage Trail u taċ-Ċentru tal-Interpretazzjoni. Hawnhekk, ir-rapport jistqarr li l-fondi tal-Unjoni Ewropea u dawk nazzjonali miksuba mill-kunsill lokali u mill-operatur taċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni kienu “miksuba u użati b’mod ġust”.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli qal li se jkompli jappoġġja inizjattivi sostenibbli bħal dawn, maħsuba biex iżidu l-għarfien u l-apprezzaent tal-wirt naturali, kulturali u arkeoloġiku ta’ din il-lokalità u biex iħarsu dan il-patrimonju għall-ġenerazzjonijiet futuri.