Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà, Chris Agius ħabbar li l-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini, il-BICC, għamel pass ieħor ’il quddiem hekk kif il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla tat il-liċenzja biex dan jibda jopera fis-settur tal-edukazzjoni.
Se jkunu diversi korsijiet akkreditati f’ livelli differenti li se jiġu offruti mill-BICC. Propju minħabba l-periklu fis-settur tal-kostruzzjoni se tingħata ħafna importanza fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk se jsir kors fl-MQF livell wieħed biex aktar żgħażagħ jiksbu il-kwalifiċi neċessarji biex b’hekk jinfetaħ bieb ieħor ta’ opportunitajiet f’settur li kull ma jmur qiegħed jikber riżultat tal-ekonomija b’saħħitha u stabbli li jinsab fih il-pajjiz. Il-korsijiet se jibqgħu telgħin sa livell 5 u se jkunu ukoll aċċesibli online.
Din l-akkreditazzjoni tfisser li il-BICC qed jinvesti b’mod tanġibbli fis-settur tal-edukazzjoni biex jagħti l-ħiliet bażiċi u l-għodda meħtieġa biex titkabbar il-professjonalità kif ukoll l-opportunità ta’ mobilità fil qasam tax-xogħol.
Il-miri ta’ dawn il-korsijiet huma li jassiguraw li l-ħaddiema kwalifikati fil-settur tal-kostruzzjoni jkompli jikber. Filwaqt li fl-istess ħin il-persuna tkompli tiżviluppa billi tikseb il-kompetenzi bażiċi li bihom tkun tista’ anki taħdem barra minn xtutna hekk kif il-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’dan il-qasam qed jinħass madwar l-Ewropa kollha.