Wara li fit-2 ta’ April li għadda twaqqaf uffiċjalment il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, dan organizza l-ewwel laqgħa ta’ diskussjoni ma’ diversi service providers fil-qasam tsl-awtiżmu. Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis attenda għal din il-lagħa.
L-iskop ta’ din il-laqgħa kien biex ikunu spjegati l-għanijiet u l-operat tal-Kunsill, kif ukoll biex il-Kunsill jiltaqa’ mas-service providers u jkun jista’ jisma’ wkoll il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tagħhom fir-rigward tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu li qed ifassal, kif ukoll dwar is-settur lokali tal-awtiżmu.
Fost il-punti li ħarġu mil-laqgħa, is-service providers għamlu enfasi dwar l-irwol essenzjali ta’ interventi bikrija fil-qasam tal-awtiżmu filwaqt li tkellmu dwar l-isforzi li għandhom isiru fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-settur – liema direzzjoni diġà qed tittieħed mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.
Anthony Agius Decelis qal li dawn il-laqgħat ta’ djalogu għandhom valur importanti biex l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu tkun infurmata u relevanti għas-settur u għall-ħajja tal-individwi fil-firxa wiesgħa tal-awtiżmu.