Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat laqa’ b’sodisfazzjon il-fond ta’ €3 miljun li tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
Fi stqarrija, il-Kunsill li jirrappreżenta ‘l fuq minn elf u tmien mitt għaqda volontarja wera l-apprezzament li t-talba li għamel f’isem is-settur intlaqgħet mill-Gvern u issa se jassigura li dawn il-fondi jitqassmu b’mod ġust.
Qal li se jkun hemm sessjonijiet ta’ informazzjoni sabiex l-għaqdiet ikunu infurmati kif japplikaw għal dawn il-fondi, u li l-istess fondi jkunu disponibbli fi żmien raġonevoli.
Il-Kunsill irringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari għall-volontarjat Clifton Grima tal-ħidma kontinwa f’settur ta’ ġid kbir għas-soċjetà.