Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, immexxi mill-eks Ministru Nazzjonalista tad-disgħinijiet, Ċensu Galea, qed jikser il-liġi meta għadu lanqas biss sejjaħ għal-laqgħa, kif inhu obbligat, biex jippreżenta l-baġit u l-pjan ta’ ħidma għas-sena li ġejja.
Il-laqgħa, li wkoll tagħti ukoll ċans lir-residenti tal-lokalità biex isemmgħu leħinhom, hi definita mill-Att dwar il-Gvern Lokali, fejn Artikolu 70 jobbliga li kull kunsill lokali f’pajjiżna jsejjaħ laqgħa, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Diċembru ta’ kull sena, biex jippreżenta l-estimi finanzjarji qabel il-laqgħa tal-Kunsill, li fiha l-Kunsill ikun ser jikkundsidra l-estimi għas-sena finanzjarja li tkun ġejja.
Aktar minn hekk, l-istess Att jobbliga li din il-laqgħa annwali għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd.
Madankollu, jidher li Ċensu Galea ma jħossx li din il-liġi tapplika għalih. Dan minkejja talbiet mill-kunsillieri Laburisti dwar dan kollu, li iżda waqgħu fuq widnejn torox.
L-ironija hi li, fil-passat, meta l-Kunsill kien immexxi minn amministrazzjoni Laburista, Galea kien ikun minn tal-ewwel biex imaqdar u jikkritika għal xi dewmien.
Dawn il-fatti ġew innotati mill-eks Viċi Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, li, f’post fuq Facebook.
Waqt li nnota li l-attitudni ta’ arroganza ta’ Galea tmur kontra t-trasparanza u l-governanza t-tajba, Zarb qal li l-liġi qegħda hemm biex tiġi osservata minn kulħadd.
Hu temm jgħid li informa lid-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali fejn ġibidlu l-attenzjoni dwar dawn in-nuqqasijiet.