Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti ippubblika rapport fejn innota b’mod pożittiv li l-qagħda fiskali tal-gvern għall-2016 kienet ħafna aħjar minn dik mistennija.
Infatti, il-Fond Konsolidat irreġistra bilanċ pożittiv ta’ €8.9 miljun, għall-kuntrarju tad- defiċit ta’ €196.0 miljun li kien imbassar fl-Estimi Approvati li kienu ppubblikati f’Ottubru tal- 2015.
Finalment iil-bilanċ pożittiv kien ta’ €101.0 miljun, filwaqt li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju għall-2016 kien jindika tbassir ta’ defiċit ta’ €102.0 miljun u l-Aġġornament tal-Programm ta’ Stabbiltà 2016 – 2019 kien qed ibassar defiċit ta’ €65.7 miljun.
Intqal li din il-qagħda fiskali aħjar milli mistennija irriżultat l-aktar minn dħul b’saħħtu, u tirrifletti numru ta’ fatturi bħal is- suppożizzjonijiet prudenti li kienu użati, tkabbir ekonomiku li wassal għal dħul iktar b’saħħtu mit- taxxi, bażi ta’ taxxa iktar wiesa’ milli maħsub fil-mudell tat-tbassir tal-Ministeru, u iktar dħul mill- Programm tal-Investitur Individwali (IIP).
Fl-istess ħin, in-nefqa totali kienet kemmxejn inqas mill-ammont ibbaġitjat, minħabba infieq inqas fuq l-investiment pubbliku li patta għaż-żidiet fl- infieq kurrenti. Rigward il-figuri makroekonomiċi, il-Kunsill jinnota li t-tbassir tal-Ministeru għat-tkabbir fil- Prodott Gross Domestiku (PGD) f’termini nominali kien viċin it-tkabbir ta’ 6.7% li seħħ fl-2016.
L-għan ewlieni tar- Rapport Annwali huwa li jevalwa t-twettiq tal-Baġit tas-sena ta’ qabel u li jagħti spjegazzjonijiet fuq id-differenzi fl-iżviluppi makroekonomiċi u fiskali li seħħew meta mqabbla mat-tbassir.
Ir- Rapport Annwali jevalwa wkoll il-konformità mar-regoli fiskali stabbiliti mill-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà u mill-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali.