Sa nofs din is-sena, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kien jammonta għal 4.1% f’termini reali.
Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti, hekk kif ippreżenta l-evalwazzjoni tiegħu tar-Rapport ta’ Nofs is-Sena lill-Ministeru għall-Finanzi.
Hawn intqal li dan ir-rapport jikkonferma mill-ġdid it-tbassir li kien sar għal din is-sena, f’April li għadda.
Il-Kunsill Konsultattiv innota li, matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, it-turiżmu qabeż l-aspettattivi u s-suq tax-xogħol baqa’ jopera b’mod qawwi.
Dan filwaqt li l-inflazzjoni għadha għolja minħabba l-isfidi internazzjonali, wara l-pandemija, il-Gwerra fl-Ukrajna u issa l-Gwerra fil-Lvant Nofsani.
Mil-lat fiskali, ir-rapport jindika li, meta mqabbel mal-miri annwali, hemm il-possibilità ta’ ffrankar fl-infiq.
Dan ir-rapport ekonomiku jkompli jingħaqad ma’ dak li ħareġ fl-aħħar jiem mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, fejn bassar li Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, din is-sena u anke s-sena d-dieħla.