Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti, l-MFAC, ikkonferma l-andament ekonomiku pożittiv ta’ pajjiżna, kemm fejn jidħol it-tkabbir, iż-żieda fl-impjiegi kif ukoll fit-tnaqqis tal-inflazzjoni matul l-2024.
Fi stqarrija ppubblikata t-Tlieta filgħodu, il-Kunsill ippubblika r-rapport annwali tiegħu li ġie ppreżentat ukoll lill-Parlament fl-aħħar jiem, fejn kien enfasizzat is-sitwazzjoni globali kawża ta’ tensjonijiet geopolitiċi u ċaqliq fil-kummerċ internazzjonali li biddlu l-politika makroekonomika u dik fiskali matul it-tnax-il xahar li għaddew.
Ingħad li, minkejja dan, l-ekonomija ta’ Malta kibret b’6.0%, grazzi għall-konsum privat qawwi, u żidiet fl-esportazzjoni u t-turiżmu, fost l-oħrajn, li lkoll ikkontribwew għas-suċċess lokali.
Minbarra hekk, il-Kunsill semma kif l-impjiegi żdiedu b’5.1%, waqt li anke l-inflazzjoni naqset għal 2.4%. Dan fl-istess ħin li d-dejn nazzjonali kien imbassar li laħaq id-49.5% u allura baqa’ taħt il-limitu tas-60% permess mir-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Għas-sostenibbiltà tal-ekonomija nazzjonali, l-MFAC jissuġġerixxi kif għandha tissokta l-istrateġija ta’ tkabbir ibbażat fuq l-esportazzjoni, waqt li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ħiliet fuq ix-xogħol permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ, isir iktar trawwim fuq l-innovazzjoni u jsiru avvanzi fid-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà.
Il-Kunsill Fiskali jinnota b’mod pożittiv li, fl-2024 ukoll, it-tbassir makro-ekonomiku u fiskali uffiċjali tal-Gvern tqies bħala wieħed tajjeb.