Fl-aħħar evalwazzoni tiegħu tal-Istrateġija fiskali, il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti laqa’ l-fatt li matul is-sena li għaddiet, għat-tieni sena konsekuttiva, intlaħaq ‘surplus’ fiskali.
Il-Kunsill qal li s-‘surplus’ fiskali, li jammonta għal 3.9 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku kien sostanzjalment ikbar minn dak mistenni.
Qal li dan wassal għal tnaqqis tad-dejn bħala proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross b’pass iktar mgħaġġel, għal 50.8% sal-aħħar tal-elfejn u sbatax.
Fid-dawl ta’ dan il-Kunsill ikkonferma li fl-2017 kien hemm konformità sħiħa mar-regoli fiskali mfassla fil-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà u l-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali.
Qal li r-regola tad-dejn ġiet rispettata minħabba li l-proporzjon tad-dejn mal-PGD kien ferm inqas mil-limitu tas-60% tal-PGD. F’termini strutturali, il-qagħda fiskali kienet aħjar mill-objettiv ta’ bilanċ f’terminu medju għal Malta.
Il-Kunsill ħeġġeġ lill-Gvern sabiex jibqa’ viġilanti u jkompli jsegwi mill-qrib ix-xejriet fin-nefqa, sabiex ma jkunx hemm ċaqliq mill-miri fiskali għas-snin li ġejjin.
Qal li t-twettiq tal-pjani fiskali tal-Gvern, li l-Kunsill kien diġa’ ikkunsidra bħala plawżibbli u aċċettabbli, jiżgura li, bejn l-2018 u l-2021, ir-regoli fiskali jibqgħu jiġu mħarsa.
Fl-istess ħin, il-Kunsill qal li l-politika fiskali għandha tkun waħda li twassal għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.
F’dan ir-rigward, il-Kunsill ġibed l-attenzjoni għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li filkaż ta’ Malta, filwaqt li hu pożittiv li hemm riskju baxx għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fil-perjodu qrib u dak aktar medju, hemm riskju medju fuq medda aktar twila ta’ żmien.
Sosnta li x-xenarju fit-tul jidher inqas favorevoli fid-dawl ta’ nfiq ikbar fuq pensjonijiet, is-saħħa u l-kura tal-anzjani, meta jitqies l-aħħar tbassir demografiku disponibbli.
Il-Kunsill osserva li Malta tispikka bħala l-pajjiż fl-Unjoni Ewropea bit-tieni l-ogħla żieda mistennija fl-infiq relatat mal-età, bħala proporzjon tal-PGD, bejn l-2016 u l-2070. Dan minħabba ż-żieda mistennija fuq pensjonijiet u spiża fuq saħħa u kura fit-tul. F’dan il-kuntest, il-Kunsill qal li l-Gvern għandu jibqa’ bil-priorità li jsostni riservi adekwati sabiex jilqa’ għal dawn l-isfidi.