“Il-fjura jekk tinqatgħa’ kmieni ma terġax tikber.”
Kien b’dan il-mod li Emmanuel J. Galea, missier is-sieħba tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, iddeskriva l-manuvri interni fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Għawdxi, Alex Borg.
Galea iddikkjara dan f’artiklu t’opinjoni fuq ‘The Malta Independent on Sunday’ bit-titlu ‘Plucked before the bloom’ fejn ħareġ għonqu għal Alex Borg u ddefendih minn dak li qegħdin jagħmlulu esponenti oħra ta’ fazzjonijiet differenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess.
F’ammissjoni oħra tal-qsim intern li qed joħroġ aktar fid-deher, Emmanuel Galea għamel eloġju fil-konfront ta’ Alex Borg li saħansitra qabblu mal-aħħar mexxej tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev. Dan għaliex skontu lil Alex Borg qed issirlu ħsara simili għal dik li kienet saret lil Gorbachev għaliex huwa differenti mill-establishment li jirrenja fuq dak li jkun qed isir.
Dan l-artiklu ġie fl-isfond li Alex Borg kien fil-mira ta’ attakk minn ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar li wkoll uża l-kitbiet tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd biex jattakka lil min ma jimxix mal-linja li jrid l-establishment Nazzjonalista. Il-kitbiet ta’ Cassar saħansitra wasslu biex il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista infatam fi tnejn, bejn dawk li ħarġu jikkundannaw il-kitbiet ta’ Cassar u b’hekk jiddefendu lil Alex Borg u dawk li huma qrib tal-establishment Nazzjonalista li baqgħu siekta quddiem l-istess kitbiet.
Fl-artiklu tiegħu Galea saħansitra wissa li jekk kull darba li jkun hemm xi ħadd li jisfida l-istatus quo f’Tal-Pietà politikament jinqatel, il-Partit se jkompli miexi fit-triq li biha dejjem qed isir aktar irrelevanti.
Galea wkoll innota kif nies bħal Alex Borg huma theddida għal oħrajn fi ħdan l-istess Partit għaliex skontu l-akbar theddida f’moviment politiku m’hijiex dik li tkun ġejja minn barra iżda dik li tkun ġejja mill-istess partit, ammissjoni għal mod ta’ kif il-Partit Nazzjonalista jopera ta’ kuljum.