Il-Kungress Amerikan ivvota favur pakkett finanzjarju għall-infrastruttura li jiswa ammont rekord ta’ triljun dollaru.
Dan il-vot favur ifisser rebħa kbira għall-President Amerikan Joe Biden.
Il-vot għadda b’mitejn, tmienja u għoxrin vot favur u mitejn u sitt voti kontra.
In-negozjati dwar dan il-pakkett finanzjarju wasslu għal qasma qalb id-Demokratiċi.
Dan il-pakkett finanzjarju issa jinsab fi triqtu biex jitpoġġa fuq il-mejda tal-President Amerikan li b’daqqa ta’ pinna ser jittrasformah f’liġi.
Deskritt bħala pakkett ‘ta’ darba f’ġenerazzjoni’, din il-liġi tipproponi nefqa ta’ ħames mija u ħamsin biljun dollaru fuq it-tmien snin li ġejjin biex jiġu modernizzati toroq, is-sistemi ta’ trasport u pontijiet fost oħrajn.
Dan filwaqt li l-ftehim jaħseb ukoll għal ilma tajjeb għax-xorb, internet aktar mgħaġġel u ħolqa nazzjonali ta’ charging point għal vetturi elettriċi.