Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura innota b’sodisfazzjon il-kisbiet li l-kumpanija li topera t-trasport pubbliku għamlet fl-ewwel sentejn mill-bidu tal-operat tagħha f’Malta.
Il-fatt li matul dawn l-aħħar sentejn il-kumpanija ġarret aktar minn 83 miljun passiġġier, 40 miljun fl-2015 u 43 miljun is-sena li għaddiet, ifisser li l-kunfidenza fit-trasport pubbliku qed terġa’ tiżdied, is-servizz qed iħajjar aktar nies biex jużawh u l-impenn biex it-trasport pubbliku jkun alternattiva aħjar, qed iħalli l-frott.
Dan ifisser li minkejja li fadal aktar xogħol xi jsir, is-servizz kompla jitjieb. Ifisser li llum, wara ħafna ħidma, ġew megħluba l-problemi strutturali li kellu s-servizz, bir-regolatur Transport Malta u l-operatur issa jistgħu jiffukaw aktar fuq l-aspett operattiv ta’ kuljum biex ikompli jitjieb is-servizz. Wieħed m’għandux jinsa li minkejja li suppost il-bużullotti kienu nqatgħu, kienet instabet sitwazzjoni prekarja ħafna fejn l-operatur ta’ qabel kien finanzjarjament fallut, b’nuqqas ta’ karozzi u ta’ xufiera, b’rotot ma jaqdux lin-nies u bendy buses jinħarqu. Dan kollu ġie megħlub.
Il-Ministru Joe Mizzi jirringrazzja lill-pubbliku talli qiegħed jifhem l-isfidi li għadda minnu s-servizz tat-trasport pubbliku f’dawn l-aħħar sentejn sakemm ġew implimentati għadd ta’ tibdiliet bl-iskop li jkollna servizz aħjar.
Huwa fakkar li matul dan il-perjodu, il-kumpanija għaddiet minn sfidi kbar imma rnexxielha xorta waħda tagħmel kisbiet kbar, fosthom li l-maġġoranza tal-vjaġġi llum qed jitilqu fil-ħin, l-ilmenti tal-pubbliku naqsu drastikament, li llum il-ġurnata n-network żied il-kilometraġġ biex jilħaq aktar nies, kif ukoll il-fatt li aktar minn 80% tal-passiġġiera llum jużaw tallinja card b’mod regolari.