Is-sena l-oħra biss, il-Gvern investa €17-il miljun u nofs f’għajnuniet lil persuni l-aktar milquta mir-realtajiet ġodda tal-pandemija, partikolarment dawk li għal xi żmien kienu ordnati jibqgħu d-dar.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Insaħħu l-Ħaddiem, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, Mark Musù, spjega li l-aktar benefiċċju li għalih kien hemm applikazzjonijiet, kien dak li ngħata lil ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena, li minħabba li wliedhom kienu d-dar waqt l-għeluq tal-iskejjel, ma setgħux imorru x-xogħol.
Hawnhekk sar elenku wkoll ta’ kif il-kunċett ta’ Making Work Pay, li l-Gvern nieda fl-2014, biddel il-kultura marbuta mas-suq tax-xogħol u wassal biex anqas persuni jiddependu fuq l-għajnuna soċjali tal-Gvern.
Fost l-oħrajn hemm it-tapering tal-benefiċċji li kien introdott fl-2014 sabiex dawk li wara minn tal-anqas sentejn fuq l-għajnuna soċjali jsibu impjieg, jitnaqqsilhom il-benefiċċju b’mod gradwali f’temp ta’ tliet snin. L-iskema rat titjib fl-2018 biex fost l-oħrajn tolqot ukoll lil ġenituri li jrabbu waħedhom. Fl-ewwel sena tal-iskema, 588 persuna gawdew u sa tliet snin ilu, l-ammont ta’ dawk li gawdew tela’ għal 3,600, bi 80% ta’ dawk li gawdew mill-benefiċċju saħansitra baqgħu fid-dinja tax-xogħol.
Issemma wkoll kif l-In-Work Benefit, li kien introdott fl-2015 għall-ġenituri li jaħdmu u li għandhom tfal taħt it-23 sena. Dan ingħata lil 1,359 persuna fl-2015 u s-sena l-oħra, in-numru ta’ persuni li gawdew minnu tela’ għal 5,337.
Fl-aħħar sena, kull familja ntitolata għal dan il-benefiċċju partikolari tħallset suppliment ta’ €250. F’dawn is-snin, aktar minn 7,400 familja gawdew min dan, li b’kollox ħalla €16-il miljun u nofs fi bwiethom.
Il-Gvern beda jipprovdi wkoll servizz taċ-childcare b’xejn għal ġenituri li jaħdmu jew jistudjaw, bin-nefqa għal kull tifel jew tifla tlaħħaq l-€4,000 fis-sena. Fis-sena li fiha beda jingħata dan is-servizz kien hemm 3,856 familja li gawdew, u dawn qabżu s-7,000 persuna tul l-2020.
Waqt il-konferenza tal-Ħamis ġie elenkat ukoll it-tnaqqis tal-persuni li jiddependu fuq l-għajnuna soċjali.
Kien spjegat ukoll li fl-aħħar seba’ snin in-numru ta’ persuni mċaħħda materjalment severament naqas b’aktar minn 25,000 persuna.
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li fi żmien ta’ kriżi globali, il-Gvern qam għall-okkażjoni u ma ħalliex il-pandemija xxekkel il-ħidma ta’ amministrazzjoni b’ruħ soċjali.
Huwa stqarr: “F’pajjiżna, is-sena li għaddiet, ilħaqna milestone ġdid, fejn f’benefiċċji soċjali biss qabeż il-biljun ewro. L-ewwel darba li qatt saret u konna f’ċirostanzi diffiċli. Jidher li issa mexjin ‘il quddiem u għamilna l-Parent at Home Benefit. Li hemm bżonn nagħmlu se nagħmluh, basta dejjem ninvestu fil-ħaddiema u fil-poplu tagħna.”