Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-mewt ta’ Giacomo Puccini, il-Fondazzjoni Classique se tippreżenta l-kunċert ‘Puccini 100’ nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru li ġej mis-7:30 ta’ filgħaxija ’l quddiem fit-Teatru Astra, f’Victoria, Għawdex.
Il-kunċert se jara s-sehem ta’ kantanti ta’ fama dinjija fil-ġeneru tagħhom, fosthom it-tenur Amerikan Gregory Kunde u s-soprana Taljana Erika Grimaldi, waħda mill-aktar liriċi attwalment imfittxijin fl-Ewropa.
Dan flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Joseph Debrincat, li hu wkoll espert stabbilit fl-istudji Puċċinjani u fil-kultura lokali.
Il-kunċert ‘Puccini 100’ se jinkludi arji, dwetti u mużika strumentali mill-aktar famużi mill-opri ċelebri ta’ Puccini, bħal ‘Manon Lescaut’, ‘Tosca’, ‘Madama Butterfly’, ‘La Fanciulla del West’, ‘Suor Angelica’ u ‘Turandot’. Minbarra hekk, se tindaqq silta mużikali, għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin, li żgur se tkun attrazzjoni partikolari għal dawk kollha li jattendu.
Il-biljetti għal dan il-kunċert, li mistenni jkun ċelebrazzjoni mużikali unika u memorabbli għal dawk li jħobbu l-opra, jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit uffiċjali tat-teatru – www.teatruastra.org.mt.
Dan l-avveniment qed jiġi appoġġjat mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, VisitMalta, it-Teatru Astra, l-NDSF u l-Fond għall-Kawżi Soċjali.