Nhar is-Sibt, 21 ta’ Settembru, ġewwa t-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, se tittella’ t-tielet edizzjoni tal-kunċert Music Speaks. Dan il-kunċert, li jgħaqqad grupp ta’ mużiċisti żgħażagħ flimkien, se jinkludi lill-pjanista bravissima Alessia Bonnici.
Bonnici, li għandha l-kundizzjoni tal-awtiżmu, ilha tħobb il-qasam mużikali sa mill-2012. Hi bħalissa hi studenta fil-Malta School of Music, u qed tkompli timraħ f’dan il-qasam permezz ta’ Diploma fil-Pjanu kif ukoll kors A-Level mat-Trinity Laban Conservatoire.
Din is-sena, Bonnici ġiet magħżula bħala waħda mir-Rising Stars, fejn issa se jkollha l-unur tiddebutta fit-Teatru Manoel matul il-Malta Spring Festival.
Fl-2019, Bonnici kienet ukoll mistiedna tagħti prestazzjoni fit-Teatru Ebe Stignani ġewwa Imola fl-Italja għall-kunċert bl-isem ‘I Bemolli Sono Blu’.
Kull min se jattendi għal dan il-kunċert se jesperjenza kunċert uniku li jqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-inklużjoni u d-diversità.
Id-dħul kollu minn dan il-kunċert se jmur għall-Malta Trust Fondazzjoni.