Nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Settembru, il-Palazz tal-Girgenti se jkun qed jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku għal serata mill-isbaħ ta’ mużika rikka mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali fil-kunċert għall-karità ‘A Night at the Palace’.
F’konferenza għall-aħbarijiet, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, spjegat kif, għal darb’oħra, permezz ta’ dan l-avveniment li hu bla ħlas, se jkunu qed jinġabru fondi b’risq is-santwarji tal-annimali.
Qalet, “Kunċert li qiegħed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, fejn dakinhar il-pubbliku jista’ jattendi bla ħlas għal dan il-kunċert mill-isbaħ b’siltiet differenti. Ħaġa sabiħa wkoll hi li dakinhar se jkunu qegħdin jinġabru fondi mill-pubbliku li jattendi b’risq is-santwarji tal-annimali. Nafu kemm is-santwarji jagħmlu xogħol dedikat b’tant imħabba, u għalhekk dakinhar se nkunu qegħdin niġbru fondi għas-santwarji ta’ dan il-pajjiż.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Vanessa Mangion, saħqet li se jkunu minn tal-ewwel li jgħinu f’avvenimenti filantropiċi bħal dawn u kif, għas-serata tal-11 ta’ Settembru, tħejja programm mużikali vast.
Tenna, “L-Orkestra dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tgħin f’dawn l-avvenimenti filantropiċi, fosthom dan, ‘A Night at the Palace’. Lanqas jilħqu jistidnuna li, mill-ewwel, naċċettaw, apparti li jkollna avvenimenti oħrajn, bħal Rockestra, pereżempju, kunċerti filantropiċi li jorganizzaw għaqdiet oħrajn li ma nistgħux ngħidu le, jiġifieri dak hu l-għan.”