Fl-aħħar xhur, ħaddiema tal-Gvern mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, bdew iwettqu għadd ta’ xogħlijiet u manutenzjoni fil-kumplessi sportivi mferrxin mal-pajjiż, bl-aħħar wieħed, li jgawdi minn din il-kullana ta’ proġetti, ikun il-kumpless sportiv tad-Dingli Swallows FC.
Il-kumpless, li jintuża minn madwar mija u għoxrin sportiv, qed jiġi rinnovat, bil-għan li jinżamm fl-aħjar kundizzjoni possibbli u b’aktar sigurtà.
It-tmexxija tal-klabb spjegat kif, minbarra t-tim tal-kbar tal-lokal se jkunu qed jgawdu ukoll numru ta’ tfal u żgħażagħ li jittrenjaw hemm u jagħmlu użu mill-faċilitajiet sportivi regolarment.
Fost ix-xogħol, li qed isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, hemm dak tal-manutenzjoni tal-ħitan u l-bjut, tibjid u plumbing, filwaqt li fiż-żmien li ġej hu skedat li jibda wkoll fencing.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, saħaq dwar l-importanza tal-isport fil-ħajja ta’ kuljum u qal li hu ta’ sodisfazzjon li jgħinu fit-tgawdija tal-post mill-pubbliku.
“F’dinja fejn l-isports hu ferm importanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum hu ta sodisfazzjon għalina, bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li nkomplu nkunu ta’ sostenn għall-għaqdiet volontarji, għall-klabbs tal-futbol.”
Is-Segretarju tan-Nursery ta’ Dingli Swallows FC, Brendan Tanti, ukoll tenna kif ix-xogħlijiet huma ta’ sostenn kbir biex in-nursery tal-klabb setgħet tkompli fit-taħriġ sportiv.
“Għaldaqstant nirringrazzjaw lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, għax, mingħajr l-għajnuna tagħom u l-kapaċitajiet tagħhom, ma jkunx possibli għalina li nżommu l-post kif inhu llum.”
Waqt iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħad-Dingli, Raymond Schembri, il-President tal-klabb, Pierre Miceli, u uffiċjali oħrajn tad-Dingli Swallows.