Il-Qorti annullat il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Deniro Magri, minħabba żball fil-proċedura min-naħa tal-Prosekuzzjoni.
Magri kien akkużat li weġġa’ raġel ieħor b’mannara żgħira u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ġew imposti fuqu wara proċeduri marbuta mal-qtil ta’ Sylvester Farrugia fl-2017.
L-allegat vittma tal-attakk għażel li ma jixhidx sabiex ma jinkriminax ruħu u għalhekk l-uniċi xhieda f’dan il-każ kienu żewġ Uffiċjali tal-Pulizija.
Dan ifisser li l-evidenza ma kinitx biżżejjed sabiex Magri jitpoġġa taħt att t’akkuża.
Il-Maġistrat innutat li l-Qorti naqset ukoll milli teħles lill-akkużat jew tibgħat lill-Avukat Ġenerali sabiex tinġabar aktar evidenza.
Qalet li dawn in-nuqqasijiet wasslu lill-Qorti sabiex tannulla l-kumpilazzjoni tal-evidenza u li l-Prosekuzzjoni għaġġlet wisq meta ddikjarat l-għeluq tal-evidenza sitt ijiem biss wara li tressaq il-Qorti l-imputat.