Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja li se jitħabbar it-Tnejn mistenni jkun ta’ zewġ ewro u tlieta u tletin ċenteżmu fil-ġimgħa.
Il-kumpens magħruf bħala l-COLA jinħadem skont kemm jogħlew l-affarijiet miġbura f’basket ta’ prodotti fis-suq.
L-akbar żieda din is-sena kienet fil-kategorija tal-ikel, b’dak servut fir-restoranti jkun l-aktar li għola matul is-sena. Dan se jiġi rifless fil-kumpens għall-għoli tal-ħajja li l-Ministru għal Finanzi se jħabbar it-Tnejn. Min-naħa l-oħra matul is-sena kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-ħwejjeġ u ż-żraben.
ONE NEWS tkellem mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi Keith Borg dwar il-mekkaniżmu li bih jiġi kkalkulat il-kumpens.
Qal li kull xahar l-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jagħrbel il-prezzijiet biex iż-żieda tinħadem fuq il-prezzijiet ta’ Settembru li din is-sena kellhom żieda ta’ wieħed punt erba u sittin fil-mija.Borg qal li “Jirrifletti lil kulħadd f’daqqa, żgħażagħ, anzjani, ħaddiema u meta nitkellmu fuq average qed jirrifletti lil kulħdd mhux bl-istess mod”
Spjega li mindu daħal fis-seħħ, ftit li xejn saru aġġustamenti fil-mekkaniżmu, għalkemm l-oġġetti u l-prodotti nbidlu maż-żmenijiet skond l-istil ta’ ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Din is-sena l-akbar importanza ngħatat lit-Trasport u l-Komunikazzjoni b’piż ta’ tnejn u għoxrin fil-mija segwiet mill-ikel b’wieħed u għoxrin punt ħamsin fil-mija.
Fost prodotti oħra li jinkludi dan il-basket hemm is-saħħa il-kultura, il-prodotti tad-djar u d-divertiment.
Minn hawn jiġi ddeterminat il-kumpens.
Borg spjega li “Jiġi aġġustat ‘basewage’ li hi rata tal-pagi li kienet maqbula fost l-imsieħba soċjali għax tajjeb ngħidu li l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut jgħadid mill-iskrutinju tal-imsieħba soċjali”
Is-Sur Borg sostna li l-parti l-kbira tal-inflazzjoni f’pajjiżna hi minħabba żieda fil-prezz ta’ prodotti impurtati minn barra.