Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja fil-Baġit għas-sena d-dieħla se jkun ta’ bejn €9 u €10 fil-ġimgħa.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, waqt laqgħa li kellu mal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) bħala parti mid-diskussjoni dwar id-dokument ta’ qabel il-Baġit.
Il-Ministru Caruana fakkar li, li kieku l-Gvern ma ħax id-deċiżjonijiet li ħa fi żmien il-pandemija u anke issa fi żmien tal-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, il-kumpens kien ikollu jkun ta’ €25. Żied jgħid illi ħadd mill-intrapriżi ma kien ikun jiflaħ iħallas dak l-ammont ta’ kumpens.
Matul dawn iż-żminijiet ta’ sfidi bla preċedent, il-gvern Malti ħa miżuri biex żamm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli biex jilqa’ għall-piż taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija. B’hekk, il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw mill-inqas €1,700 fis-sena f’kontijiet tad-dawl, gass, u fjuwils.
Il-Ministru għall-Finanzi kompla jispjega dwar dak li hu mistenni mill-Baġit għas-sena d-dieħla. Huwa qal li isfidi ta’ bħalissa fl-Ewropa, mil-lat ekonomiku, huma akbar minn dawk ta’ żmien il-pandemija għax malli l-pajjiżi kienu għadhom ħerġin mill-isfidi tal-COVID-19, faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm preżenti is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul