Ċifri ppublikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, juru li kważi tmienja u disgħin fil-mija tal-kumpaniji f’Malta u Għawdex jużaw il-kompjuter u ftit aktar minn sebgħa u disgħin fil-mija jużaw l-internet fin-negozju tagħhom.
L-istħarriġ tal-NSO wera li matul is-sena li għaddiet kważi ħamsa u ħamsin elf ħaddiem użaw l-internet għal skopijiet tan-negozju, li jfisser żieda ta’ għaxra fil-mija meta mqabbel mal-elfejn u tmintax.
L-NSO żied li s-sena l-oħra, ħamsa u tmenin fil-mija tal-kumpaniji kellhom il-website tagħhom, bil-maġġoranza tagħhom jinfurmaw lill-konsumatur bil-prezzijiet u servizzi minn fuqha. Dawn iċ-ċifri juru li Malta qed tlaħħaq sew ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea tant li r-rata f’Malta hija ħamsa fil-mija ogħla mill-medja Ewropea.
Iċ-ċifri juru wkoll li sitta u tmenin punt ħamsa fil-mija tal-kumpaniji jagħmlu użu mill-midja soċjali, bl-aktar popolari jkunu il-pjattaformi ta’ Facebook u Youtube. L-aktar popolari kienu reklami dwar servizzi tal-ikel, akkomodazzjoni, trasport u kommunikazzjoni.
L-istħarriġ tal-NSO wera wkoll li matul is-sena li għaddiet, id-dħul tal-kumpaniji minn fuq l-internet laħħaq l-elf u disa’ mitt miljun ewro, żieda ta’ kważi ħamsa fil-mija fuq l-elfejn u tmintax.
L-istatistika turi li dawn iċ-ċifri huma ogħola mill-medja tal-Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea
L-istħarriġ temm jgħid li tmienja u għoxrin fil-mija tal-kumpaniji kollha qed iħaddmu magħhom persuni speċjalizzati fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.