Se tidħol fis-seħħ miżura oħra maħsuba biex tħares l-ambjent, li permezz tagħha l-kumpaniji li jirriċiklaw l-iskart se jiġu inċentivati.
L-aġenzija Wasteserv ħabbret li, mill-bidu tas-sena d-dieħla, se tibda sistema ġdida ta’ tariffi għall-aċċess għat-trakkijiet ta’ operaturi kummerċjali li jmorru direttament fil-faċilitajiet ta’ WasteServ biex jarmu l-iskart.
Ir-rata biex jintrema l-iskart imħallat, li llum hija ta’ €20 kull tunnellata, mill-bidu ta’ Jannar se tiżdied għal €40 u kull sena se jkun hemm żieda gradwali ta’ €20, sakemm tilħaq €120 fl-2037.
Mhu se jkun hemm l-ebda tibdil fir-rati tal-iskart riċiklabbli u organiku, li bħalissa huma ta’ ħamsin ċenteżmu kull tunnellata u €20 kull tunnellata rispettivament.
Dan ifisser li l-operaturi li għandhom ma jisseparawx l-iskart kummerċjali se jkunu qed jiffrankaw il-flus meta jidħlu jarmu fil-faċilitajiet ta’ WasteServ jekk l-iskart ikun separat.
B’dawn il-bidliet mhux se jiġu affettwati dawk is-servizzi li bħalissa huma offruti lill-pubbliku bla ħlas, jiġifieri l-ġbir tal-iskart bieb b’bieb, il-ġbir ta’ skart goff, l-użu taċ-Ċentri għall-Iskart Goff, u s-servizz ta’ Roadshow Truck.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca qal, “Dawn, l-ewwel net, mhumiex miżuri finanzjarji. Dan mhux biex il-WasteServ tiġġenera aktar flus, imma dawn huma miżura ambjentali biex nistimulaw is-separazzjoni tal-iskart biex b’hekk, min jissepara l-iskart jibda jħallas inqas. Is-servizzi li qed jingħataw lin-nies, inklużi l-borza s-sewda, il-borza l-ħadra, il-borza tar-recycling, il-borża l-griża, il-borża l-bajda tal-organic, il-bulky waste, iċ-ċentri tal-iskart goff, ir-roadshow truck. Dawn huma servizzi li jingħataw b’xejn u se jibqgħu jingħataw b’xejn.”
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, qalet li din il-miżura se tkompli tgħin biex f’pajjiżna jonqsu l-miżbliet.
Spjegat li l-mira tal-Gvern hija li, sal-2035, ir-rata ta’ 90 fil-mija ta’ skart mormi fil-miżbliet tkun niżlet għal 10 fil-mija.
Hija qalet, “Permezz ta’ dan il-pass li qed nieħdu llum qegħdin immorru għal dik id-direzzjoni biex verament naraw li l-iskart ikun isseparat. Ladarba l-iskart ikun isseparat nistgħu nużawh bħala riżorsa u minflok ikollna riżorsa ta’ skart kollu mħallat, jidħol fil-miżbliet tagħna, u l-miżbliet tagħna jkomplu jikbru, naraw li l-iskart tagħna jkun qed jiġi użat għal aktar minn darba u jiġi użat għall-affarijiet li jagħmlu sens għal pajjiżna.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-ispezzjonijiet fil-postijiet pubbliċi se jkomplu jiżdied biex jitnaqqas l-abbuż.
Semmiet ukoll il-proġetti ta’ Wied il-Fulija u tal-Qortin, li kienu miżbliet u issa saru spazji pubbliċi.
Apparti minn hekk, il-WasteServ se tkun qed tinawgura impjant state-of-the-art f’Ħal Far, li se jkun qed jipproċessa apparat elettriku u elettroniku, tajers, injam, u saqqijiet, fost oħrajn.