Skont statistika ppubblikata t-Tlieta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, is-sena li għaddiet l-għadd ta’ kumpaniji rreġistrati fir-reġistru tan-negozji għal finijiet statistiċi żdied b’1.2% biex b’hekk tela’ għal aktar minn mija u tlieta u tletin elf, minkejja l-pandemija.
Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji ġodda li ġew irreġistrati s-sena l-oħra kienu fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut. Dawn kienu jammontaw għal aktar minn erbatax fil-mija mit-total. Warajhom jiġu l-kumpaniji involuti f’attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni, bi kważi tlettax punt ħamsa fil-mija.
Il-kumpaniji ġodda li joperaw f’attivitajiet professjonali, xjentifiċi, u tekniċi kienu jammontaw għal ftit aktar minn tlettax fil-mija, filwaqt li dawk f’attivitajiet amministrattivi u tas-servizzi ta’ sapport kienu jammontaw għal tmienja punt wieħed fil-mija.
Minn fost l-unitajiet tan-negozju l-ġodda li ġew irreġistrati s-sena l-oħra, il-maġġoranza l-kbira, ta’ aktar minn sebgħa u disgħin fil-mija, jimpjegaw sa disgħa min-nies. Ftit aktar minn tnejn fil-mija tal-kumpaniji l-ġodda huma ta’ daqs żgħir u jimpjegaw sa disgħa u erbgħin ħaddiem. Dawk li jimpjegaw sa mitejn u disgħa u erbgħin ħaddiem jammontaw għal zero punt erbgħa fil-mija.
Kien hemm punt ta’ perċentwali ta’ kumpaniji ġodda li jħaddmu aktar minn mitejn u ħamsin ruħ.