Il-kumpanija Ingliża tal-films Camelot, għadha kemm fetħet kumpanija bl-isem ta’ Camelot Media bbażata f’pajjiżna.
Camelot, hi l-kumpanija wara l-film ‘Prizefighter’, li nħadem bis-sehem tal-atturi magħrufa Russell Crowe u Ray Winstone.
Kien is-sit barrani, Variety, li ta din l-aħbar, li ġiet ikkonfermata wkoll fuq is-sit tal-kumpanija stess.
Fuq is-sit tagħha, Camelot Films, kitbet li għażlet lil pajjiżna bħala l-bażi tagħha minħabba li Malta hi destinazzjoni favorita fost il-produtturi tal-films. Innotat li pajjiżna hu mogħni b’veduti spettakolari, storja rikka, u arkitettura diversifikata li lkoll joħolqu ambjent perfett għal diversi stejjer ċinematografiċi.
Din il-ġimgħa wkoll, id-direttur famuż Ridley Scott ukoll iddeskriva lil Malta bħala “ġawhra arkitettonika”, waqt li kien qed jiġi intervistat dwar il-blockbuster il-ġdid tiegħu ‘Napoleon’, li se joħroġ għall-wiri fiċ-ċinema nhar l-Erbgħa li ġej, 22 ta’ Novembru.
Il-kumpanija Camelot Films qalet li assigurat għajnuna finanzjarja mill-Malta Enterprise u se tkun qed taħdem fl-intier tagħha minn pajjiżna fuq produzzjonijiet ta’ films tagħha jew bi sħab ma’ kumpaniji oħrajn fil-qasam.
It-twaqqif ta’ din il-kumpanija ġie wara li l-kumpanija Ingliża Camelot ilha sa mill-2019 tipproduċi produzzjonijiet minn pajjiżna u permezz tal-kumpanija stabbilita f’pajjiżna se tkun qed taħdem fuq produzzjonijiet li se jkunu qed joħorġu fuq Netflix.
Fil-fatt hu d-dokumentarju ‘The Psycopath Life Coach’, li mistenni joħroġ għall-pubbliku fuq din il-pjattaforma, li għandha miljuni ta’ abbonati madwar id-dinja.
Camelot Films qalet li diġà pproduċiet numru ta’ produzzjonijiet, lil hinn minn ‘Prizefighter: The Life of Jim Belcher’, fosthom ‘The Seed’ u ‘The Obscure Life of the Grand Duke of Corsica’.