Il-kumpanija Trelleborg ħabbret pjan ta’ espansjoni tal-operat tagħha u t-tmexxija tal-kumpanija spjegat dan l-investiment lill-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel fil-fabbrika.
Fil-fatt, din il-kumpanija se tkun qiegħda tespandi l-ispazju ta’ produzzjoni tagħha b’total ta’ sitt elef tliet mija u ħamsa u ħamsin metru kwadru, wara li għamlet investiment ta’ ħmistax-il miljun ewro fl-aħħar ħames snin.
Din il-kumpanija tipproduċi ħamsa u għoxrin miljun O-Ring fil-ġimgħa li sussegwentament jiġu esportati fi swieq barranin.
Fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, il-Prim Ministru, Robert Abela fisser is-settur tal-manifattura bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija li wera reżiljenza waqt kriżi dinjija li ġabet il-pandemija.
Il-Prim Ministru qal li b’total ta’ kważi biljun ewro, is-sena l-oħra s-settur tal-manifattura kellu valur miżjud ftit ogħla mis-sena ta’ qabel, filwaqt li fil-bqija tal-Ewropa l-valur miżjud tal-manifattura naqas b’sitta punt ħamsa fil-mija.
Spjega li filwaqt li madwar l-Ewropa naqsu l-ħaddiema fis-settur tal-manifattura, f’Malta kienet irreġistrata żieda.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-politika li adotta l-gvern Malti meta għażel li qatt ma jmur għal-lockdown.
Il-Prim Ministru Robert Abela esprima wkoll viżjoni ambizzjuża li sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura, fis-settur tal-manifattura, pajjiżna jirreġistra bejgħ t’aktar minn biljun ewro.
Din is-sena l-kumpanija Trelleborg qiegħda tiċċelebra sittin sena mill-ftuħ tagħha f’pajjiżna.
Kienet bdiet b’sittin ruħ fil-Marsa u issa tqalla l-ħobża ta’ kuljum lil tliet mitt ħaddiem.
Il-Prim Ministru esprima l-fiduċja tiegħu u tal-gvern f’intrapriżi bħal Trelleborg li ilhom għexrien ta’ snin jaħdmu f’pajjiżna u ħadmu bla qatigħ sabiex itejbu l-ħajja tal-komunità tal-madwar.
Qal li għalhekk ħaqqhom kull tip ta’ għajnuna.
F’din iż-żjara l-President tal-Operat Globali ta’ Trelleborg Gordon Micallef qal li l-kumpanija nediet mira ambizzjuża ġdida li se tara l-grupp inaqqas bin-nofs l-emissjonijiet tal-karbonju sal-2025.
Micallef wera l-apprezzament tiegħu lejn l-għajnuna li ta l-Gvern f’pandemija.
Qal, “Meta d-domanda għall-prodotti tagħna naqset ħesrem minħabba l-pandemija l-għajnuna li rċivejna kienet importanti biex l-ewwel nett nissalvagwardjaw x-xogħol għan-nies tagħna kif ukoll nżommu t-talent biex inkunu lesti għal meta d-domanda tiġi u kif nafu ġiet u ġiet b’saħħa kbira.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija qal li fl-anniversarju ta’ kumpanija globali bħalma hi Trelleborg huwa bix-xieraq li jiġi rikonoxxut l-kontribut tal-ħaddiema tal-kumpanija.
Spjega, “The investment expansion of our facilities here in Ħal Far will ensure that we keep developing people, skills and products thereby helping to secure the long term future of Trelleborg here in Malta”
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru f’din iż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.