Il-kumpanija tal-manifattura Toly Products Ltd. qed tinvesti tliet miljun ewro f’operat sostenibbli minkejja l-pandemija li laqtet lid-dinja u li ġabet żmien diffiċli lin-negozji globalment.
Fost l-oħrajn b’investiment ta’ nofs miljun ewro l-kumpanija qed tippjana li tpoġġi pannelli fotovoltajiċi fuq is-soqfa biex tkun tista’ tiġġenera iktar minn 400 Kilowatt fis-siegħa, f’enerġija. Iċ-Chairperson u Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Andy Gatesy spjega kif dan l-investiment ser ikun qed jilħaq 20% tad-domanda għall-enerġija tal-kumpanija bi tnaqqis ta’ 2,000 tunellata f’emissjonijiet tad-dijosidju tal-karbonju.
Gatesy spjega kif il-pandemija ġabet żmien diffiċli fuq l-industrija tas-sbuħija speċjlament minħabba li l-użu tal-maskli naqqas il-bejgħ tal-irtokk globalment. Madankollu stqarr kif f’dan iż-żmien, l-għajnuna tal-Gvern kienet kruċjali. Huwa spjega fiex ser ikun jikkonsisti dan l-investiment li ser jara l-operat isir wieħed iżjed sostenibbli.
Huwa spjega: “Our customers are looking for sustainable solutions so we are looking at much more energy efficiency, electric moulding machines, we are looking at changing all our moulding machines and putting PV panels on the roof of our building.”
Waqt żjara li għamlet lill-kumpanija flimkien mal-Kap eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-Ministru għall-Enerġija, l-intrapriża u l-iżvilupp sostenibbli, Miriam Dalli spjegat kif dan il-Gvern huwa impenjat sabiex ikompli jagħti s-sostenn li hemm bżonn sabiex in-negozji f’pajjiżna jkomplu jinvestu f’operat iżjed sostenibbli.
Il-Ministru Dalli stqarret: “Il-viżjoni tagħna hija ċara ser inkompli ninċentivaw l-intrapriżi biex jinvestu aktar fil-qasam diġitali u anke fis-sostenibbilità. B’dan il-mod naċċertaw ruħna li l-intrapriżi tagħna jkunu reżiljenti f’dan iż-żmien ta’ sfida.”