Il-kumpanija tal-igaming Soft2Bet kompliet tikber f’pajjiżna hekk kif irrilokat għal uffiċini ġodda u akbar f’The Quad Business Central fl-Imrieħel.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dawn l-uffiċini, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal kif is-suċċess li kisbet Soft2Bet hu wieħed għal pajjiżna wkoll hekk kif jikkonferma li hu spazju ta’ eċċellenza għas-settur tal-igaming.
Il-Ministru sostna dwar il-kambjament li sar hekk kif ftit snin ilu Soft2Bet kellhom uffiċċju żgħir f’Tas-Sliema fejn kienu jimpjegaw ħames persuni, iżda issa fl-uffiċini l-ġodda li għadhom kemm ġew inawgurat hemm mal-130 ħaddiem.
Dan filwaqt li l-pjan hu li l-kumpanija tkompli tespandi.
Il-Ministru kompla jgħid kif dan is-settur qed ikompli jiżviluppa f’numru ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda, fosthom dawk tal-video game development u l-esports, fost ħafna oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti, sostna kif l-entità qed tibqa’ tikkontribwixxi bis-sħiħ mal-industrija kollha tal-gaming f’pajjiżna biex kontinwament jibqgħu jinħolqu opportunitajiet ġodda fil-pajjiż.
Għall-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini ġodda fl-Imrieħel attendew l-ogħla diriġenti ta’ Soft2Bet, fosthom il-fundatur u Kap Eżekuttiv Uri Poliavich.