Il-kumpanija tal-igaming bl-isem ta’ Evolution se tkompli tkabbar l-operat tagħha f’pajjiżna, b’dan se jfisser 700 impjieg ġdid ta’ kwalità. Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, waqt żjara f’wieħed mis-siti fejn qed topera l-kumpanija f’pajjiżna.
Evolution, minbarra li hi leader fil-qasam tas-sistema diġitali, għandha wkoll diversi studios f’pajjiżna. Fuq medda ta’ erba’ snin, din il-kumpanija ttripplat in-numru ta’ ħaddiema lokali biex illum diġà tħaddem mal-1,400 persuna, inklużi ħaddiema Maltin.
Il-Ministru Schembri spjega kif l-ambizzjonijiet għal pajjiżna fejn jidħlu l-opportunitajiet għal ħaddiema ta’ kwalità huma kbar.
“U grazzi allura għal dik il-fiduċja li komplejna nilħqu f’dan is-settur, smajna kif din il-kumpanija mhux biss ħa tibqa’ hawn Malta, iżda ħa tkabbar l-operat tagħha, tkabbar ’il fuq minn 700 impjieg mill-karrieri ta’ opportunità, li jħallsu pagi tajbin. U din hi kumpanija partikolari, għax mhux biss tiffoka fuq id-diġital, iżda għandha wkoll studios, li allura hemmhekk jaħdmu nies b’diversi kwalifiċi differenti, fosthom numru kbir ta’ Maltin, li l-kumpanija tħaddem aktar minn 150 persuna Maltija u Għawdxija. U allura dan hu l-appell tiegħi li naraw kemm jista’ jkun dawn l-opportunitajiet joħduhom Maltin u Għawdxin, ħalli naraw li anke dawn il-karrieri jkollhom karrieri b’pagi u kundizzjonijiet tajbin ħalli nkomplu nelevaw lil kulħadd ’il fuq.”
Il-Ministru Silvio Schembri