Il-kumpanija ta’ esperti ta’ Jeremy Harbinson, l-istess persuna li skont l-ordni tal-Qorti għandu jixhed fil-kawża dwar l-isptarijiet, bagħtet kont ta’ kważi 47,000 Lira Sterlina tax-xogħol li sar f’ħamest ijiem f’Settembru tal-2022.
Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Bernice Bugeja, kontrollatur tal-finanzi tal-Aġenzija, hekk kif kompliet il-kawża fil-konfront tal-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna.
Mistoqsija mill-Avukat Franco Debono, Bugeja xehdet li l-ħlas tal-esperti kienu jgħoddu għal aktar minn €270 fis-siegħa, bl-aġenzija tkopri l-ħlas tal-VAT.
Minn rapporti kien ħareġ li l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella ġiet tiswa €11-il miljun.
F’din ix-xhieda, Bugeja ppreżentat l-irċevuti li ntbagħtu mill-esperti forensiċi, li kienu qed jaħdmu għal Harbinson Forensics, li l-kumpanija li tqabdet mill-Maġistrat Vella f’din l-inkjesta, li wassal għal każ inkwistjoni.
L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati staqsew lill-esperti fl-inkjesti tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet sabiex isibu lukanda irħas. Dan hekk kif fil-bidu għażlu li joqogħdu f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan u wara mxew għal-lukanda oħra fil-Furjana.
Bugeja qalet li hi approvat il-ħlas għaliex il-Maġistrat aċċettat l-irċevuta. Ix-xhud qalet ukoll li meta hi l-go-ahead mill-Maġistrat, hi kienet tmexxi.
Minn dan il-każ ħareġ li l-każ se jitqassam f’sitt każijiet differenti – fosthom każ minnhom li se jkun hemm Chris Fearne u Edward Scicluna.