L-eks deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, li ċeda s-siġġu parlamentari għal Kap Bernard Grech, uża lill-kumpanija Nexia BT biex idawwar telf fi profitti fil-kumpanija li kellu, bl-isem ta’ 6PM.
Il-kummentatur politiku Dr. Simon Mercieca kiteb dwar dan u rrefera għall-artiklu tat-Times, li jixhed kif il-kumpanija ta’ Bartolo kienet bagħbset fl-accounts tagħha f’dawn l-aħħar snin biex tagħti stampa finanzjarja mhux reali.
“Fi kliem ieħor ‘cooked the books’ kif jgħidu bl-Ingliż biex minn sitwazzjoni ta’ telf iġibha tidher bħala sitwazzjoni ta’ profitti”, kiteb Simon Mercieca.
Mercieca rrefera għall-artiklu tat-Times miktub mill-ġurnalista li ssegwi bir-reqqa l-qasam finanzjarju, Vanessa Macdonald.
It-Times kienet irrappurtat li sentejn ilu Ivan Bartolo rriżenja mill-kumpanija 6PM, li fetaħ hu u li kienet tħaddem 175 ħaddiem.
Din il-kumpanija ta’ Bartolo nxtrat fl-2017 minn kumpanija Ingliża bl-isem ta’ Idox Health.
Waqt laqgħa ġenerali annwali, it-Times kitbet li s-sidien tal-ishma tal-kumpanija kienu xxukjati.
Dan wara li l-kumpanija Ingliża li xtrat is-6PM ta’ Ivan Bartolo, rrevediet id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għall-2014 u l-2015.
Jirriżulta li f’dawn is-snin, il-kumpanija mwaqqfa minn Ivan Bartolo ddikjarat profitt ta’ tmien mitt elf sterlina għall-2014 u miljun u seba’ mitt elf sterlina għall-2015.
Madankollu l-kumpanija l-ġdida, li ħadet is-6PM iddikjarat telf ta’ mitejn elf sterlina għall-2014 u saħansitra erba’ miljun u tmien mitt elf sterlina telf għall-2015.
Dan ifisser li kien hemm diskrepanzi kbar bejn l-istampa finanzjarja li tat il-kumpanija 6PM ta’ Ivan Bartolo u dak li tat l-kumpanija l-ġdida, li ħadet ir-riedni minn Bartolo, ftit tas-snin wara.
Dr. Mercieca saħaq li dan kollu jfisser li kien hemm nuqqas ta’ kontroll intern u amministrar ħażin tal-kumpanija 6PM.
Saħaq li s-sistema tal-accounts użata minn Nexia BT kienet waħda ħażina u anki nkonsistenti.
Mercieca staqsa jekk l-attakk fuq Nexia BT mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, li Ivan Bartolo kien jagħmel parti hux relatat biex jaħbi l-użu ta’ din il-kumpanija minn Ivan Bartolo.
“Mhux ta’ b’xejn li Ivan Bartolo ħalef li jqaċċat lil Adrian Delia minn nofs. Ara fuq dawn il-fatti, tas-soċjetà ċivili ma jgħidu xejn”, saħaq Mercieca, li fakkar kif Ivan Bartolo kien fost il-perċimess biex jitneħħa Adrian Delia, tant li fl-aħħar ġimgħat ta’ Delia bħala Kap, mar anki fuq ix-xandir nazzjonali jitkellem favur l-establishment Nazzjonalista.
Ivan Bartolo, flimkien ma’ Martina Caruana għadhom kif inħatru f’bord biex jieħdu ħsieb l-politika tal-Partit Nazzjonalista.
Din Caruana tkellmet fuq tindif totali li jrid isir f’Malta iżda hawn Mercieca jitkellem dwar il-kredibilità li jista’ jkollha din l-avukat.
Dan għaliex Bartolo kien fost dawk li tkellem ħafna fuq il-Panama Papers iżda uża s-servizzi tan-Nexia BT u skont it-Times, fi żmien it-tmexxija tiegħu tal-kumpanija 6PM, inqabdu rregolaritajiet kbar fl-accounts tal-kumpanija.