Ġew inawgurati l-ewwel żewġ studios tal-ogħla kwalità tal-kumpanija internazzjonali Keywords Studios, li hija fost l-aktar kumpaniji rinomati fil-qasam tal-video games.
Fil-fatt, f’konferenza tal-aħbarijiet, kien il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri li inawgura dawn l-istudios ġodda, bl-isem ta’ Sperasoft u Electric Square, li jlaħħqu l-elf metru kwadru ta’ uffiċini minn fejn se tkun qed tespandi l-operat tagħha din il-kumpanija.
Keywords Studios li madwar id-dinja tħaddem ’il fuq minn tnax-il elf impjegat f’sebgħin studio differenti, ħadmet fuq diversi logħob diġitali tal-ogħla livell, ewlenin fosthom Call of Duty, Assassin’s Creed u Halo.
F’pajjiżna, din il-kumpanija diġà qed tħaddem erbgħin impjegat, sena wara li tħabbar kif Keywords Studios se jkunu qed jespandu l-operat tagħhom f’pajjiżna.
Id-Direttur Reġjonali tal-kumpanija, Fulvio Sioli stqarr ma’ dan l-istazzjon kif il-kumpanija għażlet lil Malta biex tinvesti, minħabba bosta aspetti b’mod partikolari, għall-fatt li pajjiżna għandu l-abbiltà li jattira kumpaniji kbar internazzjonali.
Siolo qasam ma’ dan l-istazzjon x’inhu jistenna mill-operat tal-kumpanija f’pajjiżna.
“I am expecting exactly what has happened until now, which is support from the institutions and a very nice environment actually we could not ask for more because from the very beginning the presence of the institutions supporting us, in helping us for the premises where to set up the company has been fundamental.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti, nnota kif pajjiżna m’għadux biss hub iżda d-dar naturali tal-kumpaniji internazzjonali f’dan il-qasam. Huwa rrimarka kif pajjiżna se jkun qed iservi ta’ bażi biex jattira aktar talent bil-għan li dan il-qasam ikompli jsir aktar sinonimu mal-gżejjer Maltin.
Fid-diskors li għamel, il-Ministru Silvio Schembri saħaq kif din l-inawgurazzjoni hija eżempju ieħor tal-impatt pożittiv li s-settur tal-video game development qiegħed iħalli fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dan hu kkonfermat b’mod partikolari bil-fiduċja li qegħdin juru kumpaniji li huma ġganti f’dan is-settur u li bħal Keyword Studios qegħdin jiftħu l-bibien tagħhom f’Malta.
Il-Ministru Schembri stqarr ukoll kif pajjiżna qed jimmira li dan is-settur jibda jikontribwixxi wieħed fil-mija tal-prodott gross domestiku sal-elfejn tmienja u għoxrin.
Ma’ dan l-istazzjon, Schembri nnota li llum qed jinħasad il-frott tal-istrateġija ta’ erba’ snin ilu li nediet skemi biex kumpaniji f’dan il-qasam jiġu f’pajjiżna iżda mhux biss.
“Skemi sabiex inħarġu wkoll l-istudenti Maltin u Għawdxin ħalli l-opportunitajiet li qed jiġu kkreati jieħduhom kemm jista’ jkun l-istudenti Maltin u Għawdxin. Għalhekk għamilna kuntratti mal-kumpanija Unity li allura qed itihom l-aqwa għodda biex l-istudenti jkunu jistgħu jaħdmu u issa, anzi saħansitra mis-sena d-dieħla ħa jibda jkollna l-ewwel grupp ta’ studenti Maltin li jkunu wkoll ċertifikati b’dan iċ-ċertifikat.”
Fil-fatt, huma mal-erba’ mitt student li mistennija jiggradwaw f’dan is-settur fejn imbagħad ikunu jistgħu jimirħu f’din l-industrija importanti għall-ekonomija lokali.