Il-kumpanija dinija Nike faħħret il-ħidma tad-dipartiment tad-Dwana Maltija fit-twaqqif ta’ prodotti foloz.
Żvela dan il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna hekk kif spjega li l-kumpanija li tlibbes fost oħrajn saqajn miljuni ta’ nies, bi żraben sportivi rrimarkat għal mod eċċellenti li bih id-dwana Maltija qed taqbad prodotti li huma foloz.
Fil-fatt il-kumpanija innutat l-mod eżemplari ta’ kif qed topera d-Dwana ta’ Malta minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea hekk kif dan l-istess dipartiment irnexxielu jaqbad ħamsa u tletin kontejner ta’ prodotti foloz ta’ din il-kumpanija fuq medda ta’ sena.
Il-Ministru Scicluna għamel referenza wkoll għal xi kummenti li dehru fuq ċerti mezzi soċjali b’rabta mal-Carousel Fraud fuq il-VAT. Il-Ministru Scicluna qal li pajjiżna huwa wieħed minn ta’ quddiem li qed jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa fuq skala kbira.
“Dan in-negozju llegali huma mmexxija minn money launderers, organizzazzjonijiet kriminali li jipprattikaw il-money laundering mela aħna qed nagħmlu xi ħaġa fuq il-money laundering mhux bħalma qed jagħtu impressjoni li aħna noriġinaw il-problema.”