Il-kumpanija lokali Motors Inc. ingħatat id-dritt li tkun id-distributur uffiċjali f’pajjiżna tal-vetturi elettriċi tat-tip Leapmotor. Dawn il-vetturi innovattivi huma prodotti minn kumpanija Ċiniża, li wkoll tuża t-teknoloġija avvanzata, inkluż l-Intelliġenza Artifiċjali.
Leapmotor taħdem ukoll mal-kumpanija Stellantis N.V., li tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ apparat favur mobilità nadifa u sigura bi prezzijiet raġjonevoli, u diġà ħadmet ma’ ditti, bħal FIAT, Jeep u Peugeot, fost l-oħrajn.
Il-vetturi Leapmotor diġà qed jiksbu popolarità kbira barra minn Malta fis-settur tat-trasport bl-elettriku.
F’pajjiżna, Motors Inc. se tkun qed tindroduċi l-mudelli C10 SUV u t-T03 Urban Commuter, li huma l-aktar addattati għas-suq lokali, waqt li dawn ukoll mistennija joħorġu żewġ mudelli ġodda tagħhom fit-tliet snin li ġejjin.
Is-C10 SUV hi ddisinjata skont standards globali, waqt li mgħammra b’sistema esklussiva għaliha ta’ sigurtà, il-LEAP 3.0.
Min-naħa l-oħra, it-T03 Urban Commuter hi vettura żgħira ta’ ħames bibien ideali għaċ-ċentri tal-ibliet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Motors Inc., Matthew Fenech, qal li din is-sħubija ma’ Leapmotors taqbel mal-impenn tal-kumpanija biex tipprovdi soluzzjonijiet ta’ mobilità, f’livell għoli u sostenibbli għas-sewwieqa Maltin u konvint li ż-żewġ mudelli se jintlaqgħu tajjeb fis-suq lokali.