Fi żjara li għamel il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela fi stabbiliment tal-Maypole f’Marsaskala, ġiet imnedija inizjattiva biex jiżdied l-għarfien dwar is-saħħa mentali.
Il-kumpanija se tkun qed tagħmel dan billi ħadet ħsieb li tibda tuża basktijiet apposta għall-klijenti bl-informazzjoni kollha relatata, anke mal-helpline 1579, li topera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Minbarra hekk, il-Maypole ħabbret kampanja ta’ reklamar li se tkun għaddejja fil-ħwienet tagħhom kollha biex jitkompla jitwassal l-istess messaġġ.
Sebastian Debono, wieħed mid-diretturi tal-kumpanija, qal kif wara li, anke s-sena li għaddiet, kienu għamlu dawra bir-roti madwar Sqallija biex iqajmu kuxjenza akbar, ħolqu din il-kampanja. Saħaq kif dan hu biss il-bidu, fejn qal li hi responsabilità ta’ kulħadd li jkun hemm aktar għarfien fuq is-suġġett.
Fil-kummenti li ta, il-Ministru Abela qal kif minn kemm ilu mwaqqaf dan is-servizz tal-1579, f’dawn l-aħħar sentejn, użawh madwar 16,000 persuna, numru sinifikanti meqjusa l-istigma, li ħafna drabi ġġorr is-saħħa mentali.
Fakkar li fil-helpline iwieġbu professjonisti mħarrġin li jipprovaw iwieġbu mill-aktar fis u jagħtu direzzjoni lil dawk li jfittxu pariri serji u anke l-bżonn li jieħdu wieħed mis-servizzi. Semma kif hu, għalhekk, tajjeb li dawn il-kampanji jiġu mgħejjuna minn kumpaniji kummerċjali u anke għaqdiet mhux governattivi biex ikun żgurat li l-messaġġ jasal għand l-aktar nies possibbli.