Il-kumpanija Għawdxija Magro Brothers, li tispeċjalizza fi prodotti tal-ikel mis-settur agrikolu ħabbret investiment ta’ miljun u nofs ewro sabiex tissaħħaħ il-produzzjoni ta’ prodotti lokali. Dan l-investiment se jippermetti wkoll biex il-kumpanija toħloq aktar impjiegi f’Għawdex.
Magro Brothers LTD diġà timpjega aktar minn mija u ħamsin persuna b’mod dirett, u mija u tmenin persuna oħra b’mod addizzjonali.
L-investiment il-ġdid se jinvolvi fost oħrajn makkinarju ġdid, it-taħriġ tal-ħaddiema, u proċessi ġodda għat-tkabbir tat-tadam lokali u r-riċerka dwar il-prodotti tal-ħalib.
Fuq kollox dan l-investiment se jara li l-kumpanija tkun tista’ tesporta l-prodotti tagħha lejn aktar pajjiżi barra mill-Ewropa. S’issa, il-kumpanija kienet qed tispeċjalizza fis-suq Ingliż u dak Irlandiż, iżda fl-aħħar tal-2020, 40% tal-produzzjoni ġiet esportata f’20 pajjiż f’erba’ kontinenti differenti fosthom l-Asja u l-Awstralja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Christian Magro qal li l-investiment kien possibbli permezz ta’ skemi u għajnuniet mill-Gvern.
Huwa qal, “Primarjament nesportaw tablesauces però anke wkoll għall-suġġerimenti u għajnuniet li ġew min-naħa ta’ TradeMalta ħarisna biex niddiversifikaw fil-portfolio li nesportaw fih. Infatti fis-swieq barra mill-Ewropa bdejna wkoll nesportaw il-baked beans apparti t-tablesauces u hemmhekk fejn iva naraw futur għal iktar pajjiżi.”
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri stqarr li permezz ta’ investimenti hekk u ħidma ta’ dan it-tip, l-ekonomija Maltija tibqa’ b’saħħitha minkejja l-isifdi ekonomiċi li ġabet magħha l-pandemija.
Huwa stqarr: “Fosthom fis-swieq barranin kif ħabbarna hawnhekk l-investiment ta’ Magro Brothers speċjalment fejn tidħol l-esportazzjoni u allura hemmhekk ta’ Trade Malta ħalli naraw li l-ekonomija tagħna tibqa’ waħda diversifikata iżda waħda b’saħħitha u reżiljenti.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, stqarr kif permezz ta’ xogħlijiet ġodda li nħolqu, disgħin fil-mija ta’ dawk li tilfu xogħolhom waqt il-pandemija reġgħu qegħdin jaħdmu.
Huwa sostna: “Tieħu gost tara l-investimenti min-naħa tan-negozji tagħna li jibqgħu jemmnu fl-ekonomija lokali jibqgħu jemmnu fil-prodott tagħhom u jibqgħu jinvestu aktar sabiex ikomplu fl-aħħar mill-aħħar itejbu l-istess prodott li joffru u jimpjegaw u jinħoloq ferm aktar xogħol.”