Fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-kumpanija GO nediet it-tielet Submarine Cable twil tnax-il elf kilometru, li se jsaħħaħ il-konnettività internazzjonali ta’ pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif il-kumpanija GO investiet mal-mitt miljun ewro fl-aħħar ħames snin, u f’dinja li kull ma jmur qed issir dejjem aktar diġitali, investiment fil-konnettività huwa kruċjali.Għaldaqstant inħass il-bżonn li l-kumpanija tmur lil hinn mill-konnettività mal-Italja u tinvesti f’cable li jżid il-konnettività lejn Franza u l-Afrika ta’ Fuq, u allura tinfetaħ dinja oħra ta’ possibilitajiet.
It-tħejjijiet għal dan l-investiment ilhom għaddejjin tmintax-il xahar, fosthom tmien xhur biex isir l-aktar disinn tekniku adattat għas-suq Malti.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett imur id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li Malta tkun lesta għall-futur.
Spjega li titjib fl-attività diġitali huwa parti integrali mill-istrateġija ekonomika li nieda l-Gvern fl-aħħar xhur għad-deċenju li jmiss, għaliex bit-tisħiħ fil-konnettività, tiżdied il-kompetittività ta’ pajjiżna.
Dan, qal il-Prim Ministru, huwa kruċjali għal diversi industriji fosthom għas-servizzi finanzjarji u s-settur tal-gaming.
Dr Abela fakkar li fl-aħħar snin beda jiġi implimentat programm ambizzjuż biex itejjeb l-infrastruttura fid-diversi aspetti tagħha, fosthom dik industrijali u anki fis-settur tal-enerġija.
Semma kif dan l-investiment jirrifletti l-fiduċja li istituzzjonijiet internazzjonali għandhom f’pajjiżna, b’dawk l-aktar riċenti kienu l-Kummissjoni Ewropea u d-DBRS, li taw ċertifikati b’saħħithom lil Malta.
Il-Prim Ministru qal li l-investiment ta’ GO se jgħin lil Malta tilħaq miri ambjentali kemm fuq livell lokali u anki Ewropew.
Fakkar kif pajjiżna huwa meqjus fost l-ewwel pajjiżi li se jagħmel irkupru b’saħħtu wara l-pandemija, u b’dan l-investiment qed jintbagħat il-messaġġ li ħa nkomplu nippromwovu l-bidla fejn hemm bżonn, b’viżjoni li nilħqu miri ġodda u importanti.
“Dan l-investiment jimlina b’kuraġġ għaliex naraw lis-settur privat bl-istess viżjoni tal-Gvern, u allura nkomplu naħdmu flimkien biex nilħqu prosperità ġdida”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.