Il-kumpanija GO tinsab għaddejja b’investiment ta’ mitt miljun ewro li se jara s-sistema fibre optic fid-djar f’Malta kollha sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
S’issa s-sistema tal-GO qed toffri dan is-servizz, li minnu d-dejta tgħaddi bil-veloċità tad-dawl, f’ħamsa u sebgħin fil-mija tad-djar residenzjali u tmenin fil-mija tan-negozji.
Dan intqal waqt żjara li saret mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, flimkien ma’ delegazzjoni mill-kumpanija GO waqt li kienu qed isiru xogħlijiet fuq din is-sistema f’Ħal Luqa, fejn qed tiġi installata din it-teknoloġija li taħdem permezz ta’ wires li jkollhom il-ħġieġ fihom, biex aktar tard jitneħħew dawk tradizzjonali tar-ramm.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ GO, Nikhil Patil, spjega kif illum l-internet sar parti essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum, b’mod partikolari wara l-pandemija li kompliet titfa’ dawl fuq l-importanza tat-teknoloġija.
Għalhekk dan l-investiment se jkun qiegħed jagħmilha possibli biex il-konsumaturi jkollhom netwerk b’saħħtu tal-ogħla kwalità.
Qal “GO’s investment in Malta which actually has made a network which will enable us to get fibre to every home. Today is a very big day for us because almost 75% of all homes and 80% of businesses in Malta have this technology. By this time next year, all of Malta will have access to this technology and network, which means that Malta will be on the top three or four countries in the EU with 100% fibre coverage.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Schembri nnota kif dan hu eżempju ċar tal-fiduċja li s-settur privat għandu fil-viżjoni ekonomika tal-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li qed jenfasizza biex pajjiżna jagħmel il-qalba diġitali u ambjentali.
Qal “Dan l-investiment isir mill-privat, imma għax ikollhom fiduċja fil-politika ekonomika tal-Gvern li ħa tkompli tespandi u ħa tkompli tkabbar speċjalment f’setturi teknoloġiċi. Kien għalhekk li allura tara investiment ta’ mitt miljun ewro mill-kumpanija GO, ftit tal-ġranet ilu, ħabbarna l-istess, kumpanija privata oħra ħamsin miljun ewro investiment fl-infrastruttura teknoloġika ta’ pajjiżna turi li dan il-messaġġ tal-Gvern qed jintlaqa’ u s-settur pirvat allura għandu fiduċja.”
Il-Ministru Schembri nnota wkoll li dan l-investiment ikompli jibni fuq statistika pożittiva ferm li turi kif pajjiżna hu l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu servizz tal-internet b’saħħtu mal-pajjiż kollu, filwaqt li s-sistema ta’ e-Government tal-Gvern Malti wkoll hi l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.