In-networks tat-telekomunikazzjoni tal-mobiles 5G u dak broadbankd f’pajjiżna se jkun immodernizzat b’investiment ta’ €20 miljun.
Dan qiegħed ikun possibli grazzi għal self li l-kumpanija Epic ħadet mill-Bank Ewropew għall-Investiment.
B’hekk sal-2024 pajjiżna se jkun mgħammar b’network tal-ogħla kwalità, bl-akbar veloċitajiet li qatt kellu pajjiżna mifrux madwar il-gżira kollha.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Epic, Tamas Banyai, stqarr kif dan l-investiment se jkun qiegħed jimmarka qabża konsiderevoli fil-qasam tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna.
Gelsomina Vigliotti, il-Viċi President tal-Bank Ewropew għall-Investiment immarkat kif din ma kinitx l-ewwel darba li l-Bank ikkolabora biex għen kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jagħmlu l-investiment neċessarju.
Hija qalet kif investiment simili kien sar f’Ċipru.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, innota l-importanza li pajjiżna jkompli jembarka fuq proġetti bħal dawn u jinvesti aktar fl-infrastruttura teknoloġika tiegħu.
Dan b’mod speċjali fid-dawl li kull ma jmur pajjiżna qiegħed jattira aktar investiment barrani li jiffoka fuq is-servizzi, li jagħmlu użu qawwi minn dawn it-tip ta’ faċilitajiet.
Huwa fakkar fi statistika tal-Eurostat li ħarġet ftit tal-jiem ilu li wriet kif pajjiżna huwa l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu servizz tal-internet b’saħħtu li jilħaq lil pajjiż kollu.